Ritorni
Dritt ta’ rtirar: perjodu ta’ 14-il jum li fih tista’ terġa’ taħsibha
Jekk tixtri prodott jew servizz online, bit-telefown jew mingħand bejjiegħ fuq l-għatba
tal-bieb tiegħek (f’termini legali “kuntratt mill-bogħod” jew “kuntratt lil hinn mill-post
tan-negozju”) għandek id-dritt li tirtira minnu. Dan ifisser li tista’ tikkanċella
l-kuntratt fi żmien 14-il jum mingħajr ma tipprovdi ebda ġustifikazzjoni (il-“perjodu ta’ rtirar”). Għall-oġġetti dan ifisser 14-il jum mid-data tal-konsenja,
għas-servizzi jfisser 14-il jum wara l-jum li fih ġie miftiehem il-kuntratt. Jekk
iż-żmien biex wieħed jerġa’ jaħsibha jiskadi f’jum li ma jkunx tax-xogħol, l-iskadenza
tiġi estiża sal-jum tax-xogħol li jkun imiss.
Xi pajjiżi tal-UE jagħtuk 30 jum biex tikkanċella kuntratt konkluż matul bejgħ fuq l-għatba tal-bieb
jew eskursjonijiet kummerċjali mhux mitlubin.
Spiża tar-ritorn tal-oġġetti
Jekk tiddeċiedi li tirritorna l-prodott fil-perjodu ta’ rtirar ta’ 14-il jum, inti responsabbli għall-ispejjeż tal-posta u tal-imballaġġ. L-uniċi eċċezzjonijiet: jekk il-bejjiegħ joffri li jħallas, jew jekk il-bejjiegħ ma jinfurmakx dwar dawk il-kostijiet qabel ma tixtri. Għandek dejjem tiġi infurmat dwar il-kundizzjonijiet qabel ma tixtri.
Eċċezzjonijiet
Jekk jogħġbok innota: il-perjodu ta’ rtirar ta’ 14-il jum ma japplikax għal:
- biljetti tal-ajru u tal-ferrovija, kif ukoll biljetti tal-kunċerti, prenotazzjonijiet tal-lukandi, riżervazzjonijiet ta’ kiri tal-karozzi u servizzi ta’ catering għal dati speċifiċi
- oġġetti li jmorru malajr, bħal ikel jew xorb b’data qasira “uża sa”
- oġġetti magħmulin apposta jew personalizzati b’mod ċar – bħal libsa magħmula minn ħajjat
- oġġetti jew servizzi bi prezzijiet li jvarjaw skont is-swieq globali, bħall-fjuwil għat-tisħin domestiku
- servizzi mogħtijin b’mod sħiħ, bħat-tindif ta’ terrazzin, jekk inti espressament qbilt li tibda tirrikonoxxi immedjatament li titlef id-dritt ta’ rtirar
- awdjo, vidjo jew software tal-kompjuter issiġillati, bħal DVDs, li tkun neħħejtilhom is-siġill
- kontenut diġitali online, bħal kanzunetta jew film, li bdejt tniżżel jew tagħmel streaming wara li inti espressament qbilt li titlef id-dritt ta’ rtirar tiegħek billi tibda l-ispettaklu
- kuntratti ta’ tiswijiet u manutenzjoni urġenti, bħad-domanda għal plumber biex isewwi xawer li ħiereġ l-ilma minnu
Twissija
F’xi pajjiżi tal-UE jibqa’ jkollok id-dritt ta’ rtirar għal xi wħud minn dawn l-oġġetti u s-servizzi jekk dawn jinxtraw waqt bejgħ fuq l-għatba tal-bieb jew eskursjonijiet kummerċjali mhux mitlubin.L-oġġetti mixtrijin mingħand individwu privat mhumiex koperti mid-dritt ta’ rtirar. Għalhekk, agħti attenzjoni speċjali għall-istatus tal-bejjiegħ (professjonali jew privat) meta tixtri minn swieq online.
Fejn tista’ tikseb l-għajnuna
Għal informazzjoni iktar dettaljata dwar drittijietek skont il-liġi nazzjonali, ivverifika r-regoli speċifiċi dwar il-garanziji legali u l-garanziji kummerċjali għall-pajjiż fejn għamilt ix-xiri.
Agħżel il-pajjiż
Jekk għandek problema biex tikkanċella kuntratt jew biex tikseb tiswija jew rifużjoni f’pajjiż ieħor tal-UE, iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi f’pajjiżek jista’ jgħinek.
Jekk m’intix ċert liema sitwazzjoni tapplika għalik, tista’ tipprova wkoll l-għodda tagħna tad-drittijiet tal-konsumatur biex tgħinek tifhem drittijietek meta tixtri fl-UE.