Mistoqsijiet frekwenti - Ritorni
Xtrajt kamera fi Spanja iżda kienet difettuża. Il-bejjiegħ se jsewwiha. Min irid iħallas l-ispiża biex terġa’ tasal għandhom?
Fi żmien sentejn mix-xiri, il-prodotti difettużi jridu jissewwew jew jinbidlu mingħajr ebda spiża għall-konsumatur. Dan jinkludi l-ispejjeż tal-konsenja.
X’inhu l-“perjodu ta’ rtirar”?
Dan ifisser bil-liġi li għandek 14-il jum biex terġa’ taħsibha wara li tixtri xi ħaġa (kemm jekk online, bit-telefown, u kemm b’xi mod ieħor barra ħanut). Il-perjodu ta’ rtirar jiskadi 14-il jum wara l-jum li fih irċevejt l-oġġetti jew, fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz, 14-il jum wara l-jum li fih ikkonkludejt il-kuntratt. Jekk il-perjodu ta’ rtirar jiskadi f’jum li ma jkunx tax-xogħol, l-iskadenza tiegħek tiġi estiża sal-jum tax-xogħol li jkun imiss.
Reġa’ bdieli dwar sufan li xtrajt mill-internet u issa nixtieq nirtira mill-kuntratt ta’ bejgħ tiegħi. Min għandu jħallas l-ispiża biex is-sufan jirritorna għand il-bejjiegħ?
Il-bejjiegħa jridu jinfurmawk minn qabel jekk jippretendu li tħallas biex tirritorna l-oġġetti skont il-perjodu ta’ rtirar ta’ 14-il jum. Jekk ma jkunux informawk minn qabel, il-bejjiegħ għandu jħallas l-ispiża tar-ritorn. Jekk xtrajt xi ħaġa kbira bħal sufan, il-bejjiegħ irid jagħtik stima tal-ispiża tar-ritorn qabel ma tikkonkludi l-bejgħ.