Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ilha sa mill 1952 tiżgura l-osservanza u l-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri. Permezz ta’ diversi sentenzi hija kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, u saħħithom. Dan il-fuljett jippreżenta għażla ta’ sentenzi importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja miġbura f’kategoriji ta’ diskriminazzjoni.
Il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità hija l-pedament tal-integrazzjoni Ewropea: kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi jew li jgħix legalment fi Stat Membru ieħor għajr dak li tiegħu huwa ċittadin jista' jinvoka din il-projbizzjoni fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Tali diskriminazzjoni tista' tkun diretta fis-sens li differenza fit-trattament hija marbuta direttament man-nazzjonalità, jew indiretta sa fejn it-trattament jiddependi, pereżempju, mill-pajjiż ta' residenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita diversi drabi b'dan is-suġġett.
Fl-1989, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li turist Britanniku li kien ġie aggredit u mweġġa serjament fil-metro ta’ Pariġi minn persuni mhux magħrufa għandu l-istess dritt li jikseb kumpens mill-Istat Franċiż bħal ċittadin Franċiż. Fil-fatt, tali turist għandu jkun jista’ jibbenefika minn servizzi barra mill-pajjiż tiegħu u għalhekk jista’ jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87).
Fis-sentenza famuża Bosman tal-1995, il-Qorti tal-Ġustizzja, fost affarijiet oħra, iddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi li jgħidu li, fil- logħbiet tal-kompetizzjonijiet organizzati minnhom, il-klabbijiet tal-futbol jistgħu jilagħbu biss b’numru limitat ta’ futbolers professjonisti ċittadini ta’ Stati Membri oħra (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93).
Fl-1998, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet bħala prinċipju li kull ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jinvoka ċ-ċittadinanza Ewropea tiegħu sabiex jipproteġi ruħu kontra diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità tiegħu minn Stat Membru ieħor. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li omm Spanjola li tirrisjedi legalment fil-Ġermanja tista’ tinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta hija tiġi rrifjutata l-allowance tal-edukazzjoni Ġermaniża minħabba li hija ma jkollhiex permess ta’ residenza, filwaqt li tali dokument ma jkunx meħtieġ miċ- ċittadini Ġermaniżi (sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martinez Sala, C-85/96).
Fl-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jkun qiegħed jiddiskrimina kontra d-detenturi ta’ diploma ta’ edukazzjoni ta’ livell sekondarju minn Stati Membri oħra meta ma jippermettilhomx ikollhom aċċess għall-edukazzjoni ogħla taħt l-istess kundizzjonijiet bħad-detenturi nazzjonali (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-65/03).
Il- prattika ta' 24 lingwa uffiċjali fl - Unjoni Ewropea inevitabbilment qajmet kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni lingwistika li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat fil-ġurisprudenza tagħha.
Fl-2012, il- Qorti tal- Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni fi tliet lingwi (Ġermaniż, Ingliż u Franċiż) tal-avviżi ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-obbligu li l-eżamijiet ta’ selezzjoni jsiru f’waħda minn dawn it-tliet lingwi jikkostitwixxu diskriminazzjoni minħabba l-lingwa (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-566/10).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludi li l-konoxxenzi lingwistiċi neċessarji għal impjieg għandhom bilfors ikunu nkisbu fl-Istat Membru kkonċernat jew għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ ċertifikat maħruġ minn dan l-Istat Membru (sentenza tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C-379/87 u sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C-281/98).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li Stat Membru ma jistax jimponi, taħt piena ta’ nullità, li l-kuntratti ta’ xogħol transkonfinali kollha konklużi ma’ impriża residenti jiġu redatti fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat (sentenza tas-16 ta’ April 2013, Las, C-202/11).
Id-dritt tal-Unjoni jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew fuq l-oriġini etnika, b'mod partikolari fil-qasam tax-xogħol u għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-oġġetti u għas-servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża l-portata ta' din it-tip ta' diskriminazzjoni fil-ġurisprudenza tagħha.
Fl-2008, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tkun teżisti diskriminazzjoni diretta meta persuna li timpjega tgħarraf pubblikament li ma tkunx ser tirrekluta ħaddiema ta’ ċerta oriġini etnika. Il-kawża oriġinat mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ direttur ta’ impriża li esprimew ir-rifjut tiegħu li jimpjega barranin minħabba r-riluttanza tal-klijenti li jagħtuhom aċċess għar-residenza privata tagħhom għall-installazzjoni ta’ bibien ta’ garaxx (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C-54/07).
Fl-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tista’ tiġi stabbilita diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika meta, f’distrett ta’ popolazzjoni kompatta ta’ Roma, l-arloġġi tad-dawl jiġu installati f’għoli inaċċessibbli (sitta sa seba’ metri), filwaqt li l-istess arloġġi jiġu installati f’distretti oħra f’għoli aċċessibbli. Tali prassi mhux biss tagħmilha diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, għall-persuni kkonċernati li jikkonsultaw l-arloġġ tad-dawl tagħhom sabiex jikkontrollaw il-konsum tagħhom, iżda hija wkoll offensiva u stigmatizzanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’din l-okkażjoni, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplika mhux biss għall-persuni li jkollhom ċerta oriġini etnika iżda wkoll għal dawk li, minkejja li ma jkunux jappartjenu għall-etniċità kkonċernata, iġarrbu flimkien ma’ tal- ewwel trattament inqas favorevoli (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C-83/14).
Il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa ta l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa ġurisprudenza vasta.
Diskriminazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol: prinċipji ġenerali
Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha sa mill-1976 tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa previst mid-dritt tal-Unjoni għandu effett dirett b’tali mod li huwa possibbli li jiġi invokat direttament fil-konfront tal-persuna li timpjega (sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75).
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-esklużjoni tal-impjegati part-time minn skema ta’ pensjoni ta’ impriża tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra n-nisa jekk din l-esklużjoni tkun tolqot numru ħafna iktar għoli ta’ nisa milli ta’ rġiel u għalhekk ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn fatturi indipendenti minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (sentenza tat-13 ta’ Mejju 1986, Bilka, 170/84).
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà li tingħata prijorità lill-promozzjoni tal-kandidati (nisa), bi kwalifiki ugwali, fis-setturi ta’ attività fis-servizz pubbliku fejn in-nisa jkunu inqas numerużi mill-irġiel fil-grad inkwistjoni (“diskriminazzjoni pożittiva”) peress li l-vantaġġ ma huwiex awtomatiku u l-kandidati (irġiel) jiġu ggarantiti eżami mingħajr esklużjoni a priori tal-kandidatura tagħhom (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Marschall, C-409/95).
Diskriminazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol: l-impjegati tqal
Fl-1990, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm ir-rifjut li timpjega mara minħabba t-tqala tagħha kif ukoll it-tkeċċija ta’ impjegata għal din l-istess raġuni jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker, C-177/88 u Handels- og Kontorfunktionaernes Forbund, C-179/88). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ impjegata minħabba t-tqala tagħha tapplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt ta’ xogħol kienx ġie konkluż għal żmien determinat jew indeterminat. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat huwa diskriminatorju jekk ikun motivat mit-tqala tal-impjegata (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C-438/99 u Tele Danmark A/S, C-109/00). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-tkeċċija ta’ mara matul it-tqala tagħha minħabba assenzi kkawżati minn marda marbuta mat-tqala hija diskriminazzjoni pprojbita bbażata fuq is-sess (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C-394/96). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-tkeċċija ta’ mara minħabba t-tqala tagħha u/jew it-twelid ta’ tarbija tibqa’ illegali anki jekk tiġi nnotifikata wara r-ritorn tagħha mil-leave tal-maternità (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C-460/06).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tkeċċija ta’ impjegata li tkun tinsab fi stadju avvanzat ta’ trattament ta’ fertilizzazzjoni in vitro u li, għal din ir-raġuni, tkun temporanjament assenti, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, peress li tali trattament jikkonċerna biss lin-nisa (sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr, C-506/06).
Eżempji oħra ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess: assigurazzjoni u forzi armati
Fl-2011, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sess tal-persuna assigurata bħala fattur ta’ riskju fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni. Din hija r-raġuni għaliex il-primjums u l-benefiċċji irrispettivament mis-sess tal-persuna assigurata japplikaw fl-Unjoni mill-21 ta’ Diċembru 2012 (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des consommateurs Test-Achats et, C-236/09).
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fl-1999, li l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-forzi armati għandhom josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa anki jekk l-aċċess għal ċerti unitajiet jista’ jkun irriżervat esklużivament għall-irġiel minħabba kundizzjonijiet speċifiċi ta’ intervent ta’ dawn l-unitajiet (pereżempju commando ta’ attakk) (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C-273/97). Fi kwalunkwe każ, in-nisa ma jistgħux jiġu esklużi totalment mill-impjiegi militari li jinvolvu l-użu ta’ armi (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98).
Diskriminazzjoni bbażata fuq il-bidla fl-identità sesswali
Fl-1996, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tkeċċija motivata mill-bidla fis-sess ta’ persuna jew mir-rieda ta’ persuna li tbiddel is-sess tikkostitwixxi diskriminazzjoni, peress li din il-persuna tkun suġġetta għal trattament sfavorevoli meta mqabbla ma’ persuni tas-sess li għalih kienet titqies li tappartjeni qabel l-operazzjoni tagħha (sentenza tat-30 ta’ April 1996, P. vs S., C-13/94).
Fl-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi ma tirrikonoxxix l-identità sesswali ġdida tat-transesswali, tipprojbixxihom milli jiżżewġu, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jekk ikollha l-konsegwenza li ċċaħħadhom mill-benefiċċju ta’ pensjoni tar-romol (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, K.B., C-117/01). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet fl-istess direzzjoni, fl-2018, meta ddeċidiet li persuna li tkun biddlet is-sess tagħha ma tistax tiġi obbligata tannulla ż-żwieġ tagħha konkluż qabel din il-bidla sabiex tkun tista’ tibbenefika minn pensjoni tal-irtirar fl-età prevista għall-persuni tas-sess li hija tkun kisbet (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB, C-451/16).
Fl-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-esklużjoni permanenti tal-irġiel omosesswali u bisesswali mid-donazzjoni tad-demm tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni, sakemm ma jiġix xjentifikament stabbilit li jeżisti, għal dawn il-persuni, riskju għoli li jiksbu mard infettiv gravi, bħal b’mod partikolari l-HIV, u li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma kienx ġie osservat. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jimponi l-esklużjoni permanenti ta’ dawn il-persuni mingħajr ma jkun eżamina jekk jeżistux tekniki oħra inqas restrittivi iżda ugwalment effikaċi li jippermettu li tiġi identifikata l-preżenza tal-HIV fid-demm minkejja l-eżistenza ta’ perijodu ta’ wara infezzjoni virali u li matulu l-indikaturi bijoloġiċi użati fil-kuntest tal-iskrinjar tad-donazzjoni tad-demm jibqgħu negattivi minkejja l-infezzjoni tad-donatur (“perijodu silenzjuż”). Barra minn hekk, kwestjonarju u intervista individwali mad- donatur jistgħu eventwalment jippermettu li tiġi identifikata b’mod iktar preċiż l-imġiba sesswali li tippreżenta riskju (sentenza tad-29 ta’ April 2015, Léger, C-528/13).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiem li jkun ikkonkluda patt ċivili ta’ solidarjetà (PACS) mas-sieħeb tiegħu tal-istess sess għandu jingħata l-istess vantaġġi bħal dawk mogħtija lill-ħaddiema eterosesswali fl-okkażjoni taż-żwieġ tagħhom, bħal ġranet ta’ leave speċjali u bonus tas- salarju, meta ż-żwieġ ma jkunx awtorizzat għall-koppji omosesswali u li l-“PACS” għandu l-istess valur legali bħaż-żwieġ għall-finijiet ta’ dan il-leave speċjali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, C-267/12).
Għalkemm huwa minnu li fl-2006 il-Qorti tal-Ġustizzja tat għall- ewwel darba definizzjoni ta' "diżabbiltà", din id-definizzjoni ġiet irreveduta fl-2013 sabiex tinkorpora d-definizzjoni prevista mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà, irratifikata mill-Unjoni fl-2009. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni teżamina diversi każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà b'rabta, ġeneralment, ma' tkeċċija.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi d-diżabbiltà bħala limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi għal perijodu twil ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li marda ma tistax sempliċement tiġi assimilata ma’ diżabbiltà. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-marda jew problema oħra ta’ saħħa jissodisfaw din id-definizzjoni (li jista’, pereżempju, ikun il-każ tal-obeżità) huma għandhom, indipendentement min-natura u mill-oriġini tagħhom, jitqiesu li jkunu diżabbiltà.
Persuna mkeċċija għal raġunijiet marbuta ma’ tali marda tkun vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05; tal-11 ta’ April 2013, Ring u Skouboe Werge, C-335/11 u C-337/11; tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA, C-354/13).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-2008, li d-dritt tal-Unjoni jipproteġi lill-impjegati li jsofru diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà tal-wild tagħhom. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta ma hijiex limitata biss għall-persuni b’diżabbiltà iżda tinkludi wkoll lill-impjegati li jkollhom jagħtu kura lill-wild tagħhom b’diżabbiltà (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C-303/06).
Il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni minħabba l-età japplika essenzjalment fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kemm fil-livell tar-reklutaġġ, tal-eżerċizzju tal-attività jew tad-dritt għall-pensjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi sa mill-2010 li ġeneralment ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit limitu ta’ età għar-reklutaġġ ta’ ċerti professjonijiet. Jista’ jkun mod ieħor meta l-fatt li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari jkun essenzjali u determinanti għall-eżerċizzju ta’ professjoni (bħal b’mod partikolari l-pumpiera li jipparteċipaw direttament fit-tifi tan-nar jew l-aġenti tal-pulizija li jokkupaw funzjonijiet li jeħtieġu l-użu tal-forza fiżika) (sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C-229/08; tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C-416/13; tal-15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C-258/15).
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-irtirar obbligatorju fl-età ta’ 65 sena jista’ jkun ammissibbli meta dan ikun intiż li jqassam aħjar l-aċċess għall-impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet u b’mod partikolari li jnaqqas il-qgħad u meta l-persuni kkonċernati jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar adegwata (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C-411/05). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-limitu tal-età ta’ 65 sena previst mid-dritt tal-Unjoni għall-piloti fit-trasport kummerċjali bl-ajru ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija jew ta’ posta huwa validu. Huwa ġġustifikat mill-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C-190/16). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni totali għall-piloti tal-linji tal-ajru li jeżerċitaw l-attività tagħhom wara l-età ta’ 60 sena tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għaliex tali projbizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li tiġi ffavorita l-integrazzjoni professjonali tal-ħaddiema anzjani qiegħda ma jiġġustifikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, mingħajr restrizzjonijiet, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-ħaddiema kollha li jkunu laħqu l-età ta’ 52 sena, indipendentement mill-fatt jekk huma kinux jew le qiegħda qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u kien x’kien it-tul tal-perijodu ta’ qgħad (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04).
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni meta ħaddiem jiġi mċaħħad minn allowance ta’ tkeċċija għar-raġuni li jkun jista’ jirċievi pensjoni tax-xjuħija (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Andersen, C-499/08).
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li qorti nazzjonali għandha, anki f’kawża bejn individwi, tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ April 2016, Dansk Industri, C-441/14).
Il-Qorti tal-Ġustizzja tat diversi sentenzi dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon fir-reklutaġġ u fit-tkeċċija.
Għal dak li jirrigwarda r-reklutaġġ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ affiljazzjoni reliġjuża għal pożizzjoni fi ħdan knisja jew organizzazzjoni reliġjuża għandu jkun jista’ jiġi suġġett għal kontroll effettiv mill-qrati statali. Dan ir-rekwiżit għandu jkun neċessarju u oġġettivament impost, fid-dawl tal-etika tal-knisja jew tal-organizzazzjoni, bin-natura jew bil-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività professjonali inkwistjoni u jrid ikun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C-414/16).
Għal dak li jirrigwarda t-tkeċċija, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tkeċċija ta’ uffiċjal mediku prinċipali Kattoliku minn sptar Kattoliku minħabba ż-żwieġ mill-ġdid tiegħu wara divorzju tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon. Fil-fatt, ir-rekwiżit għal uffiċjal mediku prinċipali Kattoliku li josserva n-natura sagra u indissolubbli taż-żwieġ skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika ma jidhirx li jikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali, leġittimu u ġġustifikat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon hija ta’ natura imperattiva bħala prinċipju ġenerali tad-dritt stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’tali mod li kull individwu jista’ jinvoka din il-projbizzjoni f’tilwima koperta mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2018, IR, C-68/17).
F’każijiet li fihom impjegati kienu tkeċċew għar-raġuni li dawn kienu jilbsu l-velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li impriża tista’, bħala prinċipju, permezz ta’ regola interna, tipprojbixxi lill-impjegati tagħha milli jilbsu b’mod viżibbli kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż. Tali projbizzjoni ġenerali ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta. Madankollu, din tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta jekk twassal għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jappartjenu għal reliġjon partikolari. Madankollu, anki f’każ bħal dan, il-projbizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata meta l-persuna li timpjega tkun issegwi, fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha, politika ta’ newtralità u meta l-projbizzjoni tkun tapplika biss għall-impjegati li jkunu f’kuntatt viżiv mal-klijenti. Jekk ikun il-każ, il-persuna li timpjega għandha tivverifika jekk tkunx tista’ tipproponi lill-persuna kkonċernata pożizzjoni li ma tinvolvix tali kuntatt. Madankollu, il- Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sempliċi rieda ta’ persuna li timpjega li tissodisfa x-xewqa ta’ klijent li ma jibqax jiġi servut minn impjegat li jilbes velu Iżlamiku ma tistax titqies li hija rekwiżit professjonali li jeskludi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C-157/15, u Bougnaoui, C-188/15).