Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ilha sa mill 1952 tiżgura l-osservanza u l-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri. Matul is-snin hija tat numru ta’ sentenzi li saħħew l-integrazzjoni Ewropea filwaqt li taw liċ-ċittadini u, b’mod partikolari, lill-konsumaturi, drittijiet dejjem iktar estiżi. Dawn il-paġni jippreżentaw uħud mis-sentenzi importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikklassifikati skont is-suġġett. F’kull waħda mill-kawżi esposti f’dan il-fuljett informattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħolqitx hija stess id-drittijiet inkwistjoni iżda siltithom minn jew ippreċiżathom permezz ta’ interpretazzjoni tar regolamenti jew tad-direttivi tal-Unjoni.
I l l um il - ġ urnat a n - nutri z z j o ni hi j a wa ħ da mill - preokkupazzjonijiet prinċipali tal-konsumaturi, li jixtiequ jiġu informati korrettament dwar il- prodotti tal- ikel u x-xorb li huma jixtru u li jagħtu dejjem iktar attenzjoni lil saħħa bbilanċjata.
Fl-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-konsumaturi għandu jkollhom informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva. B'hekk, meta l-imballaġġ ta' prodott jissuġġerixxi l-preżenza ta' ingredjent li, fil-verità, ma jkunx fih, dan jista' jqarraq bix-xerrej anki jekk il-lista tal-ingredjenti tkun preċiża. Dan kien il-każ ta' infużjoni tal-frott li l-imballaġġ tagħha kien juri stampi ta' lampuni u ta' fjuri tal-vanilla, meta l-infużjoni ma kien fiha ebda ingredjent naturali ta' dan il-frott (sentenza tal-4 ta' Ġunju 2015, Teekanne, C-195/14).
Barra minn hekk, il-kontenut ta' sodju indikat fuq l-imballaġġ ta' fliexken tal ilma minerali għandu jirrifletti l-kwantità totali ta' sodju fil-forom kollha tiegħu (melħ tal-mejda u bikarbonat tas-sodju). Fil-fatt, jekk ilma jiġi ppreżentat bħala li għandu kontenut baxx ta' melħ, meta jkollu kontenut għoli ta' bikarbonat tas sodju, dan jista' jqarraq bil-konsumatur (sentenza tas-17 ta' Diċembru 2015, Neptune Distribution, C-157/14).
Fl-2017, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Kummissjoni kellha raġun meta rrifjutat l-użu ta' ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa għall-kummerċjalizzazzjoni ta' glukożju, bħal pereżempju "il-glukożju jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-metaboliżmu enerġetiku" jew "il-glukożju jsostni l-attività fiżika". Fil-fatt, tali indikazzjonijiet kienu jinkoraġġixxu l-konsum taz-zokkor, meta tali inkoraġġiment huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta' nutrizzjoni u ta' saħħa ġeneralment aċċettati (sentenza tat-8 ta' Ġunju 2017, Dextro Energy vs Il-Kummissjoni, C-296/16 P).
Barra minn hekk, bħala prinċipju, il-prodotti purament veġetali ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati flimkien ma' denominazzjonijiet irriżervati għall-prodotti li essenzjalment joriġinaw minn annimali, bħalma huma "ħalib", "krema", "butir", "ġobon" jew "jogurt". B'hekk, impriża ma tistax tuża d-denominazzjonijiet "ħalib tas-soja", "butir tat-tofu" jew "ġobon veġetali", minkejja li ċerti eċċezzjonijiet diġà jeżistu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-"crème de riz" ("krema tar-ross") (sentenza tal-14 ta' Ġunju 2017, Tofu Town.com, C-422/16).
Id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali, qarrieqa jew aggressivi li jistgħu jibdlu l-aġir ekonomiku tal-konsumaturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza abbundanti dwar dan is-suġġett u hawnhekk ser jingħataw xi eżempji tad-deċiżjonijiet tagħha.
L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu b'mod assolut l-offerti konġunti proposti minn kummerċjant lil konsumatur (bħal pereżempju pompa tal-petrol li toffri tliet ġimgħat bla ħlas ta' assistenza fil-każ ta' ħsara fil-karozza għal kull tank ta' karburant ta' minn tal-inqas 25 litru). Fil-fatt, l-offerti konġunti ma jistgħux jitqiesu li huma, fiċ-ċirkustanzi kollha, prattiki kummerċjali żleali (sentenza tat-23 ta' April 2009, VTB-VAB u Galatea, C-261/07 u C-299/07).
L-offerta konġunta li tikkonsisti fil-bejgħ ta' kompjuter mgħammar b'softwer installat minn qabel ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, prattika kummerċjali żleali. Barra minn hekk, l-assenza ta' indikazzjoni tal-prezz ta' kull programm ta' softwer installat minn qabel ma tistax titqies li hija prattika kummerċjali qarrieqa sa fejn il-prezz tad-diversi programmi ta' softwer ma jikkostitwixxix informazzjoni essenzjali għall-konsumatur (sentenza tas-7 ta' Settembru 2016, Deroo-Blanquart, C-310/15).
Il-prattiki aggressivi ta' kummerċjanti li jagħtu impressjoni ħażina lill-konsumatur fis-sens li dan ikun rebaħ premju meta fil-verità jkollu jidħol għal ċerta spiża sabiex jirċievi dan il-premju, huma pprojbiti. Dan ikun b'mod partikolari l-każ ta' reklami li jagħtu lid-destinatarju l-impressjoni li rebaħ kruċiera meta, sabiex jirċievi dan il-premju, id-destinatarju jkollu jħallas l-assigurazzjoni u suppliment fir-rigward tal-kabina kif ukoll l-ispejjeż tal-ikel u tax-xorb u t-taxxi portwali matul il-vjaġġ (sentenza tat-18 ta' Ottubru 2012, Purely Creative, C-428/11).
Il-fondi statutorji ta' assigurazzjoni għall-mard ukoll jistgħu jkunu responsabbli għal prattiki kummerċjali żleali. B'hekk, ikun hemm prattika qarrieqa meta fond ta' assigurazzjoni għall-mard jindika lill-imsieħba tiegħu li jkunu qed jieħdu riskju ta' żvantaġġi finanzjarji jekk jibdlu l-fond (sentenza tat-3 ta' Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C-59/12).
Fl-aħħar nett, it-tariffa ta' telefonata lejn numru tat-telefon tas-servizz ta' wara l-bejgħ ma għandhiex tkun iktar minn dik ta' telefonata standard, għaliex inkella jkun hemm prattika kummerċjali żleali (sentenza tat-2 ta' Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, C-568/15).
Bl-iżvilupp tat-teknoloġija diġitali, il-bejgħ mill-bogħod sar tranżazzjoni normali fil-ħajja ta' kuljum. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f 'diversi okkażjonijiet, id- drittijiet li jgawdu l-konsumaturi fil-kuntest ta' tali kuntratti ta' bejgħ.
L-ispejjeż tal-kunsinna tal-merkanzija ma għandhomx jiġu imputati lill-konsumatur meta dan juża d-dritt ta' rtirar tiegħu (dritt li għandu jiġi eżerċitat f'terminu ta' minn tal-inqas sebat'ijiem ta' xogħol mid-data tal-bejgħ). Għall-kuntrarju, l-ispejjeż sabiex il-merkanzija tintbagħat mill-ġdid jistgħu, min-naħa tagħhom, jiġu imputati lill-konsumatur (sentenza tal-15 ta' April 2010, Heinrich Heine, C-511/08).
Barra minn hekk, il-konsumatur li jeżerċita d-dritt ta' rtirar tiegħu ma huwiex obbligat jikkumpensa lill-bejjiegħ għall-użu tal-oġġett sakemm ma jkunx użah b'mod irraġonevoli. Fil-fatt, l-effettività tad-dritt ta' rtirar tkun imdgħajfa jekk il-konsumatur ikollu jħallas kumpens talli jkun sempliċement eżamina u pprova l-oġġett akkwistat mill-bogħod (sentenza tat-3 ta' Settembru 2009, Pia Messner, C-489/07).
Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-opportunità tippreċiża d-drittijiet tal-konsumaturi meta dawn isostnu li l-prodott li jkun ġie kkunsinnat lilhom ikollu nuqqas ta' konformità.
Fl-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li n-nuqqasijiet ta' konformità li joħorġu f'terminu ta' sitt xhur mill-kunsinna tal-oġġett għandhom ikunu preżunti li kienu jeżistu fil-mument tal-kunsinna. B'hekk, filwaqt li l-konsumatur huwa meħtieġ jipprova l-eżistenza tan-nuqqas u li dan ħareġ fit-terminu ta' sitt xhur, huwa ma huwiex meħtieġ jipprova l-kawża ta' dan in-nuqqas u lanqas ma huwa meħtieġ jistabbilixxi li l-oriġini tiegħu hija imputabbli lill-bejjiegħ (sentenza tal-4 ta' Ġunju 2015, Froujke Faber, C-497/13).
Fil-każ li prodott difettuż jiġi ssostitwit, il-konsumatur ma huwiex meħtieġ jikkumpensa lill- bejjiegħ għall- użu li jkun għamel mill- oġġett difettuż (sentenza tas-17 ta' April 2008, Quelle, C-404/06). Barra minn hekk, il-bejjiegħ huwa obbligat ineħħi l-oġġett difettuż u jinstalla l-oġġett li jissostitwixxih jew ibati l-ispejjeż meħtieġa għal dawn l-operazzjonijiet (sentenza tas-16 ta' Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09).
Fl-aħħar nett, fl-assenza ta' kunsens xjentifiku, il-prova ta' difett tal-vaċċin u r-rabta kawżali bejn dan il-vaċċin u marda tista' tingħata permezz ta' sensiela ta' provi gravi, preċiżi u konkordanti, bħalma huma l-prossimità temporali bejn it-tilqima u l-okkorrenza ta' marda, l-assenza ta' anteċedenti mediċi personali u familjari tal-persuna mlaqqma kif ukoll l-eżistenza ta' numru sinjifikattiv ta' każijiet irrapportati (sentenza tal-21 ta' Ġunju 2017, W et, C-621/15).
Illum il-ġurnata l-kuntratti ta' assigurazzjoni saru indispensabbli. F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll intalbet tippreċiża r-regoli marbuta ma' dawn il-kuntratti.
Fl-2011, il- Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sess tal-assigurat bħala fattur ta' riskju fil-kuntratti ta' assigurazzjoni jikkostitwixxi diskriminazzjoni. Huwa għalhekk li sa mill-21 ta' Diċembru 2012 fl-Unjoni japplikaw primjums u prestazzjonijiet li ma jagħmlux distinzjoni bejn is-sessi (sentenza tal-1 ta' Marzu 2011, Association belge des consommateurs Test-Achats et, C-236/09).
Barra minn hekk, kuntratt ta' assigurazzjoni għandu jispjega b'mod trasparenti, preċiż u li jinftiehem il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' assigurazzjoni, b'tali mod li l-konsumatur ikun jista' jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi tiegħu (sentenza tat-23 ta' April 2015, Jean-Claude Van Hove, C-96/14).
Fl-aħħar nett, il-bejjiegħa ta' vjaġġi tal-ajru ma għandhomx id-dritt li jinkludu awtomatikament l-assigurazzjoni għal "kanċellazzjoni tat-titjira" fil-prezz tal-biljett. Fil-fatt, tali assigurazzjoni hija suppliment fakultattiv tal-prezz li għandu jiġi indikat b'mod ċar fil-bidu tal-proċedura ta' riżervazzjoni, filwaqt li l-aċċettazzjoni tagħha għandha tirriżulta minn pass espliċitu ta' aċċettazzjoni min-naħa tax-xerrej (sentenza tad-19 ta' Lulju 2012, ebooker.com Deutschland, C-112/11).
Id-dritt tal-Unjoni jipproteġi wkoll id-drittijiet tal-konsumaturi li jikkonkludu kuntratti fil-kuntest ta' bejgħ bieb b'bieb. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tiddeċiedi diversi kawżi f'dan il-qasam, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta' kull konsumatur li jirtira mill-kuntratt fis-sebat'ijiem ta' wara l-konklużjoni tiegħu.
jitlifx id-dritt ta' revoka tiegħu jekk ma jkunx ġie informat dwar l-eżistenza ta' dan id-dritt. B'hekk, jista' jeżerċita dan id-dritt konsumatur li wara ħames snin isir jaf li kellu dritt ta' revoka meta l-bank ma kienx informah dwaru fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt (sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001, Heininger, C-481/99).
Bl-istess mod, meta bank ma jkunx informa lill-konsumatur dwar id-dritt tiegħu li jirrevoka l-kuntratt ta' kreditu konkluż fil-kuntest ta' bejgħ bieb b'bieb, il-bank għandu jassumi r-riskji inerenti għall-investiment finanzjarju kkonċernat (sentenza tal-25 ta' Ottubru 2005, Schulte, C-350/03 u C-229/04).
Direttiva tad-dritt tal-Unjoni tipprevedi li l-konsumaturi ma humiex marbuta mill-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f'kuntratt konkluż ma' bejjiegħ jew fornitur. Il-Qorti tal-Ġustizzja, li ġiet adita b'diversi kawżi f'dan il-qasam, ippreċiżat il-portata tad dispożizzjonijiet ta' din id-direttiva.
Il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, ippreċiżat li l-qorti nazzjonali hija meħtieġa teżamina fuq inizjattiva tagħha stess in-natura eventwalment inġusta ta' klawżola kuntrattwali. Din ir-regola, li tapplika wkoll għall-proċeduri ta' insolvenza, ma tippermettix lill-qorti tirrevedi l-kontenut tal-klawżola iżda għandha twassalha biss sabiex tastjeni milli tapplika din il-klawżola (sentenzi tal-4 ta' Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08; tal-21 ta' April 2016, Radlinger u Radlingerová, C-377/14; tal-14 ta' Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10).
Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li l-effetti tan-nullità ta' klawżoli "b'rata minima" (klawżoli li jobbligaw lill-konsumatur iħallas interessi minimi) inklużi fil-kuntratti ta' self ipotekarju konklużi mal-konsumaturi jiġu llimitati fiż-żmien (sentenza tal-21 ta' Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo, C-154/15, C-307/15 u C-308/15). Fl-aħħar nett, meta stabbiliment bankarju jagħti self f'munita barranija, huwa għandu jipprovdi lil min jingħata s-self informazzjoni suffiċjenti sabiex tippermettilu jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u bħala persuna avżata (sentenza tal-20 ta' Settembru 2017, Andriciuc et, C-186/16).