Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-pubbliku għall-attività ġudizzjarja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea toffri sistema ta’ trażmissjoni ta’ seduti.
L-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali jiġu trażmessi b’mod dirett fuq din il-paġna. It-trażmissjoni issir attiva hekk kif jibdew is-seduti għall-għoti, skont l-iskeda prevista fil-kalendarju ġudizzjarju.
Ċerti seduti għat-trattazzjonijiet orali tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu barra minn hekk ritrażmessi b’mod differit. Dawn huma, bħala prinċipju, seduti f’kawżi mismugħa f’seduta plenarja, quddiem l-Awla Manja jew, eċċezzjonalment, meta l-interess tal-kawża jiġġustifika dan, quddiem awla b’ħames Imħallfin. Ir-reġistrazzjoni bil-video ta’ tali seduti tibqa’ disponibbli f’dan is-sit għal perijodu massimu ta’ xahar wara l-konklużjoni tas-seduta.
Is-seduti jiġu trażmessi fuq l-internet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu dawn is-seduti bl-istess mod bħallikieku jkunu fiżikament preżenti f’dawn is-seduti.
Hekk kif il-pubbliku preżenti għal seduta huwa pprojbit milli jirreġistra s-seduta, huwa pprojbit li titniżżel jew li tiġi rreġistrata, fi kwalunkwe forma tkun xi tkun, is-seduta trażmessa fuq l-internet, kollha kemm hi jew parzjalment, kemm għal dak li jirrigwarda l-immaġini jew il-ħoss, inkluż il-ħoss mill-kanali ta’ interpretazzjoni differenti.
It-trażmissjoni ta’ seduta fuq l-internet bl-ebda mod ma tikkostitwixxi reġistrazzjoni awtentika, rapport uffiċjali jew minuti ta’ din is-seduta.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tistax tinżamm responsabbli għall-opinjonijiet espressi u l-kummenti li jsiru waqt seduta trażmessa fuq l-internet jew għall-konsegwenzi ta’ tniżżil jew reġistrazzjoni.
L-interpretazzjoni simultanja tad-dibattiti waqt seduta għat-trattazzjonijiet tiġi żgurata fil-lingwa tal-kawża, kif ukoll fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni meħtieġa għat-tmexxija tajba ta’ din is-seduta.
L-interpretazzjoni tas-seduti pubbliċi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija intiża li tiffaċilita l-komunikazzjoni u ma hijiex rapport uffiċjali tat-trattazzjoni. Il-lingwa oriġinali biss hija awtentika. L-interpreti huma meħlusa minn kull responsabbiltà fil-qadi ta’ dmirijiethom.